L-aħħar statistika dwar it-turiżmu ħarġet li fi Frar ta’ din is-sena ġew aktar turisti mix-xhur kollha ta’ qabel l-2013, iżda naqsu aktar in-numru ta’ ljieli.
Din l-informazzjoni ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika toħroġ ċar li n-numru ta’ turisti kiber drastikament fl-aħħar għaxar snin.
Frar huwa magħruf bħala xahar kajman fis-settur turistiku Malti – kien ukoll l-anqas xahar li ra turisti fl-2021, iżda b’differenza din is-sena n-numri qabżu ta’ Jannar. Madankollu, ix-xahar huwa “kajman” fil-kuntest taż-żieda drastika tan-numru ta’ turisti li daħlu fil-pajjiż matul is-snin.
Il-pajjiż laqa’ mhux inqas minn 210,305 turist, l-ewwel darba li Malta laqgħet aktar minn 200,000 turist f’xahar xitwi.
Minkejja li n-numru ta’ turisti żdied aktar mix-xhur ta’ qabel l-2013, inqas iljieli jfissru li l-istatiċi għall-ammont totali ta’ iljieli li qattgħu mhumiex daqstant drastiċi, anke jekk xorta żdiedu mis-snin li għaddew.
It-turisti qattgħu 1.24 miljun lejl fi Frar li għadda – 21.8% aktar minn Frar tal-2024 – iżda dawn in-numru kienu diġà nqabżu f’Lulju u f’Awwissu tas-snin preċedenti, saħansitra fl-2001.
L-infiq totali tat-turisti qabeż €146.8 miljun li jammonta għall-infiq ta’ €698 kull turist u €118.7 għal kull lejl li qattgħu.
L-informazzjoni storika tal-NSO turi li l-ewwel xahar li Malta laqgħet fih iżjed minn 200,000 turisti f’xahar kien f’Awwissu tal-2013, meta ġie ddokumentat li daħlu 218,271. Dik is-sena l-pajjiż laqa’ 1.58 miljun turisti; is-sena li għaddiet daħlu 3.5 miljun turist.
Sa issa, l-aktar xahar mimli turisti kien f’Awwissu li għadda: 422,050 turist jimmarka l-ewwel darba li Malta laqgħet aktar minn 400,000 turist f’xahar wieħed biss.
Iż-żieda fl-ivvjaġġar bi prezz baxx, magħruf bħala low-cost, huwa marbut maż-żieda tal-ivvjaġġar mad-dinja, u Malta hija ħuta oħra f’dan l-ilma: Biss biss, is-sena li għaddiet 49% tal-passiġġieri ġew bir-Ryanair, u l-linja tal-ajru Maltija – bl-Air Malta li falliet u s-suċċessur tagħha KM Malta Airlines – kellha sehem ta’ 22% biss.
Din iż-żieda xprunat il-proġetti tal-lukandi, minkejja t-tħassib – inkluż mill-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti Maltin – li Malta jkun jeħtiġilha ħafna aktar turisti li kieku jinbnew il-proġetti kollha.
Studju mħejji mill-Deloitte f’isem l-MHRA fl-2022 kien argumenta li Malta jkollha bżonn 4.7 miljun turist fis-sena li kieku jinbnew il-lukandi pjanati, u li l-impatt taż-żieda tat-turiżmu diġà qiegħda tinħass fuq il-bajjiet u postijiet bħall-Imdina u l-Belt Valletta.